Biż-Żejjed Biżżejjed?
Kamp Sajf 2024
Bejn il-5 u l-11 ta’ Awwissu, iż-ŻAK għal darb’oħra, organizzat l-ikbar attività annwali għall-għaqda: dik ta’ Kamp Sajf. Għal din l-attività jkunu mistiedna biex jipparteċipaw l-membri kollha fiż-ŻAK, minn 10 snin ‘il fuq.
Din is-sena kien hemm iktar minn 100 parteċipant matul il-ġimgħa kollha. Bl-isem ta’ “Biż-Żejjed Biżżejjed?” Kamp Sajf ta’ din is-sena kien jittratta t-tema ta’ kif, fiż-żmien fejn aħna mdawrin b’abbundanza ta’ affarijiet, opportunitajiet u esperjenzi, m’aħniex jirnexxielna nkunu kuntenti.
F’Kamp Sajf, il-membri kellhom l-opportunita’ jirriflettu kif, bħala soċjeta’, qedgħin nintilfu f’ħafna affarijiet superfiċjali u/jew materjali. Għalkemm l-affarijiet tad-dinja mùhumiex neċessarjament ħżiena, jew għallinqas mhux kollha, li ngħixu għalihom biss qed iħallu impatt negattiv fuq l-individwi u r-relazzjonijiet tagħna man-nies u l-ambjent ta’ madwardna.
Matul din il-ġimgħa, l-membri innotaw li dan l-impatt negattiv jirriżulta minn ġirja sfrenata sabiex naqtgħu l-għatx eżistenzjali, pereżempju li nippruvaw nakkwistaw il-kuntentizza f’ħajjitna mir-relazzjonijiet, il-karriera, il-flus u l-ġid materjali bħal qisu huma l-milja ta’ ħajjitna li, saħansitra, id-dinja ta’ hemm barra wegħditna li huma se jġibulna ħelsien u sodisfazzjon.
F’Kamp Sajf skoprejna li l-affarijiet tad-dinja rridu nagħżlu li ngħixuhom tajjeb u mbagħad dawn iħallu kuntentizza fina jekk ikunu mgħixa skont is-sinifikat tal-ħajja tagħna, jiġifieri dak li Alla jrid minna. Iddiskutajna kif dawn it-tendenzi qegħdin narawhom ukoll fil-komunita’ tagħna għax aħna wkoll parti mid-dinja u m’aħniex immuni minn dak li tesperjenza d-dinja, kemm tajjeb kif ukoll ħażin.
F’Kamp Sajf ta’ din is-sena, xtaqna li nagħmlu mixja flimkien sabiex nirriflettu fuq għaliex nagħmlu dak li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum. Ġejna konxji ta’ x’inhu dak li nagħmlu ta’ kuljum u nesploraw l-effetti (pożittivi u negativi) ta’ dan f’ħajjitna u l-konnessjoni ma’ ta’ madwarna. Nagħmlu xi ħaġa għax irridu iktar flus? Irridu niksbu l-popolarita’? Nirnexxu fil-karriera? Offrejna l-ispazju sabiex nesploraw kif dak li nagħmlu jista’ jris aħjar u jieħu sinifikat akbar għax ikollu għeruq f’xi ħaġa akbar minnha.
Stedinna lill-memebri żgħażagħ sabiex jesploraw il-verità tagħhom u jiskopru s-sens ta’ ħajjithom anke fid-dawl ta’ dak li jrid Alla minn ħajjithom, il-pjan tiegħU għalihom. Waqt id-diskussjonijiet li saru, ħadna ispirazzjoni mill-Eżerċizzi Spiritwali ta’ San Injazju.
Kull sena, f’Kamp Sajf ikun hemm silta mill-Bibbja li takkumpanjana. Din is-sena ntagħżlet is-silta minn Ġwanni 8, 31-33:
“Ġesu’ qal lil-Lhud li emmnu fih: ‘Jekk iżżommu fil-kema tiegħi, tkunu tasseww dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom’. Qalulu: ‘Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera ta’ ħadd. Kif tiġi tgħidilna li nkunu ħielsa’?”
Għalina, il-membri tal-Azzjoni Kattolika, din hija tema għal qalbna ħafna għax tmur proprju fil-qalba ta’ dak li nemmnu: li aħna bħall-Knsija, mad-dinja u fid-dinja iżda ma aħniex tad-dinja.