18+ Seminar
Żgħażagħ jingħaqdu għal għan komuni
Matul il-weekend li għadda, il-membri taż-ŻAK li huma 18+ iltaqgħu għal-weekend Seminar bl-isem ta’ ‘Ferħ f’kull Pass – Ritorn b’Għan u Passjoni’, fejn żgħażagħ miċ-ċentri taż-ŻAK minn madwar Malta kollha ġew flimkien biex iiġbru l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom flimkien, jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, u jaħdmu għal għan komuni kemm għall-membri kurrenti tal-organizzazzjoni, kif ukoll għal dawk tal-futur.
Saru bosta sessjonijiet dwar il-bżonnijiet kurrenti tal-organizzazzjoni—dawk li jistgħu ma jkunux l-aktar ovvji, iżda li huma fil-qalba tal-organizzazzjoni. Eżempju ċar li ħareġ kien l-importanza tal-formazzjoni kontinwa u li jkun hemm youth leaders b‘taħriġ ta’ kwalità għolja.
Ħejjejna wkoll ruħna għas-sena li ġejja u mlejna l-kalendarji tagħna b’attivitajiet u avvenimenti li lkoll ħerqana li naħdmu għalihom. Dorna wkoll l-istatut tal-organizzazzjoni tagħna. Din is-sessjoni serviet ta’ tfakkira tal-kontenut tiegħu u l-importanza li nżommu miegħu billi r-regolamenti tiegħu jirriflettu wkoll il-valuri u l-prinċipji li fuqhom inbniet l-organizzazzjoni. Dan kien mument biex nifhmu d-deċiżjonijiet li ħadu ż-żgħażagħ ta’ qabilna u kien spazju għaż-żgħażagħ preżenti biex jidħlu aktar fil-fond u joħolqu viżjoni għaż-żgħażagħ li ġejjin.
Il-ħtieġa għall-għajnuna u sapport amministrattiv ġiet ukoll enfasizzata. Ir-realtà ta’ organizzazzjoni mmexxija u mibnija fuq il-voluntiera tfisser li kulħadd jagħti kemm jista’ b’mod volontarju, u f’ħajja daqshekk impenjattiva, m’hemmx lok għal ħsibijiet idealistiċi ta’ nies li jiddedikaw disponibbiltà infinita. Madankollu, ir-rekwiżiti amministrattivi li qed jiżdiedu jridu jiġu kkunsidrati u ma jistgħux jiġu minsija. Sessjonijiet mqanqla fuq ħsibijiet bħal dawn kellhom l-għan li jimmotivaw iktar rieda, ħidma u impenn. B’mod ġenerali, dan il-weekend dejjem iservi bħala nifs ġdid tal-organizzazzjoni u tfakkira għalxiex niġu flimkien għal ġid komuni, u eċitament kollettiv għall-futur li jinsab quddiemna.
Miktub minn Marta Zammit, Viċi President taż-ŻAK